Raġel ma nstabx ħati li wettaq vjolenza domestika fuq omm iż-żewġ uliedu li saħansitra anki ttiħdulha b’ordni ta’ ħarsien, wara li nstab li l-mara tbati minn problemi ta’ saħħa mentali u bil-paranojja.
L-allegat każ ta’ vjolenza jmur lura għal Lulju tal-2019, meta qalet li waqt li kienet f’bar ma’ raġel ieħor, is-sieħeb tagħha, minħabba għira, ħaraqha fuq sidirha b’sigarett.
L-akkużat ċaħad li kien vjolenti magħha, u allega li l-marki tas-sigarett fuq sidirha saru mir-raġel li kienet fil-bar miegħu. Huwa saħaq li jumejn wara, kienet hi li bdiet tagħtih bil-ponn u saħansitra kissritlu snienu.
Il-Maġistrat Brigitte Sultana nnotat li, fiż-żewġ verżjonijiet li semgħet ta’ x’ġara, minkejja li hemm provi tal-ġrieħi fuq il-mara, m’hemmx ċertezza dwar min għamel l-imsemmija ġrieħi, u allura ma sabitx lir-raġel ħati.