John McAfee, l-Imprenditur li vvinta s-software kontra l-virus għall-kompjuters, instab mejjet fiċ-ċella tal-ħabs li kien fiha f’Barċellona sigħat wara li l-Qorti Spanjola qablet biex testradih lejn l-Istati Uniti biex hemmhekk jaffaċċja akkużi ta’ evażjoni tat-taxxa.
Id-Dipartiment tal-Ġustizzja Katalan qal illi t-tobba tawh l-ewwel għajnuna, madanakollu huwa ġie ddikjarat mejjet, hekk kif McAfee li kellu 75 sena jidher li ħa ħajtu b’idejh.
Huwa kien ġie arrestat f’Ottubru li għadda fi Spanja waqt li kien tiela’ fuq l-ajruplan fi triqtu lejn it-Turkija. McAfee kien akkużat li naqas milli jippreżenta dikjarazzjonijiet tat-taxxa għal erba’ snin, minkejja li huwa qala’ l-miljuni minn xogħol ta’ konsulenza fost oħrajn.