Ilbieraħ għall-ħabta tal-10:50, il-Pulizija ġiet infurmata li kien għadu kemm intlemaħ ġisem ta’ persuna fil-baħar viċin is-Sikka ta’ Kemmuna.
Il-Pulizija mid-Distrett t’Għawdex infurmat lill-Forzi Armati ta’ Malta li bdew it-tfittxijiet fl-inħawi ta’ fejn intlemaħ il-ġisem permezz ta’ patrol boat u ħelikopter.
Minn investigazzjonijiet li saru irriżulta li l-ġisem x’aktarx huwa ta’ raġel ta’ 67 mill-Mosta li aktar kmieni kien qed jistad.
Wara diversi tfittxijiet, illum għall-ħabta tal-10:00 instab il-katavru tar-raġel.
Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr. Paul Coppini li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.