Ġie identifikat wieħed mis-sidien tat-tmint iklieb li ġew ikkonfiskati mingħand André Galea fit-18 ta’ April.
Il-kelba Blue kienet ilha rrapportata nieqsa għal numru ta’ ġimgħat, b’sidha jfittixha mingħajr ebda ħjiel ta’ fejn setgħet kienet.
Fuq Facebook, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said irringrazzjat lid-Direttorat tal-Ħarsien tal-Annimali li jaħdmu qatigħ, u qalet li ġew segwiti l-proċeduri neċessarji wara li dawn il-klieb ġew ikkonfiskati, b’mod partikolari biex dawn il-klieb ingħataw l-attenzjoni u l-kura meħtieġa.
Kien nhar it-Tnejn 18 ta’ April meta André Galea nstema’ jsejjaħ għall-għajnuna wara li wieħed mill-klieb tiegħu stess attakkah waqt li kien barra daru fl-Imsida. Minn hemm hu ttieħed l-isptar Mater Dei għall-kura wara li ġarrab xi ġrieħi.
Il-klieb li kienu qed jinżammu minn Galea fir-residenza tiegħu fl-Imsida ġew ikkonfiskati mid-Dipartiment tal-Ħarsien tal-Annimali.
L-istess Dipartiment kien ħabbar uffiċjalment li l-ebda kelb minn dawk li ġew ikkonfiskati ma kien se jitraqqad, kif allegaw bosta fuq il-mezzi tal-midja soċjali.
Galea qed jaffaċċja akkużi fuq każ preċedenti, li jmur lura għall-2020, ta’ omiċidju involontarju wara li nanntu, Inez Galea, ta’ 95 sena, inqatlet wara li ġiet attakkata minn żewġt iklieb miżmuma minnu.