Imħallef f’Oklahoma, fl-Istati Uniti, eżonera raġel li kien ilu l-ħabs tmienja u erbgħin sena b’rabta ma’ qtil li seħħ fl-1974. Din hi l-itwal sentenza inġusta li qatt ingħatat fl-Istati Uniti.
Glynn Simmons, li llum għandu 70 sena, inħeles wara li l-Imħallef ordna ġuri mill-ġdid fejn instab li ma kienx hemm biżżejjed provi kontrih. Għaldaqstant, l-Erbgħa, il-Qorti ddikjarat lil Simmons bħala innoċenti.
Din is-sentenza tal-Qorti qalet li r-reat, li għalih Simmons instab ħati u ntbagħat il-ħabs, ma kienx twettaq minnu.
Simmons kellu 22 sena meta nstab ħati tal-qtil ta’ Carolyn Sue Rogers waqt serqa f’Oklahoma. Hu kien ingħata sentenza ta’ piena tal-mewt fl-1975, iżda aktar tard inbidlet għal għomor il-ħabs.