Ġisem bla ħajja li nstab f’għadira fl-istat Amerikan ta’ Kalifornja, ġie identifikat bħala dak ta’ Naya Rivera – l-istilla ta’ Glee ta’ 33 sena li nhar l-Erbgħa, ġiet irrappurtata nieqsa.
Rivera ġiet irrappurtata nieqsa wara li kienet bid-dgħajsa ma’ binha ta’ 4 snin fl-għadira ta’ Piru, u ċ-ċkejken instab rieqed waħdu fuq id-dgħajsa.
Il-mara hija magħrufa l-aktar għall-irwol li kellha ta’ Santana Lopez fis-serje mużikali Glee.
F’konferenza tal-aħbarijiet wara li ttella l-katavru mill-għadira, il-Pulizija qalu li huma kunfidenti li l-ġisem bla ħajja huwa ta’ Rivera. Qalu li ma jidhirx li hemm ċirkostanzi suspettużi jew li ħadet ħajjitha b’idejha.
Binha qal lill-Pulizija li kien qed jgħum m’ommu imma qatt ma ġiet lura. Qal ukoll li ra lil ommu tisparixxi taħt l-ilma.
Il-ġisem ta’ Rivera nstab wara tfittxija intensiva u operazzjoni ta’ salvataġġ bis-sehem ta’ bugħaddasa, klieb, ħelikopters u anki sottomarini.