Raġel ta’ 30 sena minn Ħaż-Żebbuġ tpoġġa taħt probation wara li nstab ħati li hedded pulizija, membri tal-familja u li kiser il-paċi pubblika.
Il-każ imur lura għas-16 ta’ Ottubru li għadda meta Justin Camilleri hedded lil familtu għax talabhom xi flus u rrifjutaw li jgħinuh. Jihder li ommu u ħutu għamlu dan għax għandu l-problema tad-droga. Fil-Qorti kien innutat ukoll li familtu ma felħitx aktar għat-theddid tiegħu kull darba li ma jingħatax il-flus, u sar rapport għand il-pulizija.
Min-naħa tagħha, il-pulizija rreferietu għall-kura, u waqt li kienu qed iwassluh għaċ-ċentru tas-saħħa f’Ħal Qormi, l-akkużat hedded lill-uffiċjal tal-pulizija li kien qed jeskortah. Hawnhekk, l-akkużat ittieħed l-isptar Monte Karmeli għal aktar kura, u nħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tiegħu hekk kif dan joħroġ mill-isptar.
L-akkużat ammetta l-akkużi miġjuba kontrih, bil-prosekuzzjoni tinnota li Camilleri għandu bżonn l-għajnuna għall-vizzji li għandu u għall-imġieba tiegħu. Issa l-akkużati se jmur jgħix f’Dar San Franġisk, u se jingħata multa minima minħabba l-fatt li ma jaħdimx.
Fil-Qorti, Camilleri qal li aktar qabel kien segwa programm ta’ rijabilitazzjoni f’San Blas u li kien ilu tmien xhur clean, u kien biss fil-jumejn tal-inċident li reġa’ waqa’ għad-droga.
Huwa nstab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u ngħata ordni ta’ probation għal sentejn u nofs, u multa ta’ €800 li jrid iħallas f’pagamenti ta’ €50 fix-xahar. Dan filwaqt li l-Qorti ħarġet ordni ta’ trażżin ta’ sena u nofs għall-familja tiegħu u għall-pulizija.