Ġuvni ta’ 21 sena mit-Tajwan, li kien qiegħed trekking, ġie salvat fil-Himalayas wara li hu u t-tfajla tiegħu kienu ilhom 47 jum neqsin.
Tim tas-salvataġġ sabu lil Liang Sheng Yueh f’għoli ‘l fuq minn 8,000 pied qrib il-villaġġ ta’ Tipling fid-distrett tan-Nepal, Fhading.
Hu nstab qrib il-katavru tat-tfajla tiegħu, Liu Chen Chun, ta’ 19-il sena.
Liang ittieħed dirett l-isptar f’Kathmandu sabiex jirċievi l-kura neċessarja fejn ingħad li ma jinsabx fil-periklu tal-mewt.
Persuna li qed tieħu ħsieb lil Liang qalet li “qed jitkellem ftit ftit. Hu qalli li t-tfajla tiegħu mietet tlett ijiem ilu. M’għandux feriti gravi, iżda għandu diversi gdim ta’ dud.”
Qed jingħad li l-ġuvni tilef madwar 30kg mill-piż, minn meta ntilef seba’ ġimgħat ilu. Xagħaru kien kollu qamel u sieq minnhom kienet diġa bdiet tittiekel minn dud.
Tobba qalu li huma jemmnu li rnexxielu jgħix grazzi għall-ammont ta’ ilma u kif ukoll melħ.