Investigaturi sabu demm ta’ Mario Farrugia mċappas mal-ħajt tal-kamra tas-sodda ta’ Elliot Paul Busuttil.
Dan id-dettall ħareġ waqt il-kumpilazzjoni tax-xhieda ta’ Elliot Paul Busuttil li qed ikun akkużat bil-qtil ta’ Mario Farrugia, li fil-5 ta’ April instab il-katavru tiegħu ġo bagoll ta’ karozza f’Ħal Qormi.
Quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima ġie spjegat kif l-awtopsja fuq il-katavru tal-vittma sabet li huwa ngħata 45 daqqa ta’ sikkina fil-lemin ta’ sidru.
Fil-fatt, l-Ispettur tal-Pulizija mill-Iskwadra tal-Omiċidji Wayne Camilleri sostna li dan jista’ jindika li Farrugia seta diġà kien fil-bagoll tal-karozza meta huwa ngħata d-daqqiet ta’ sikkina.
Ġie spjegat ukoll kif filmati tas-sigurtà fl-akkwati urew li l-karozza li fiha nstab il-katavru ta’ Farrugia ġiet ipparkjata fejn instabet f’Ħal Qormi fis-30 ta’ Marzu fis-sitta ta’ filgħodu. Hawn intqal ukoll kif raġel deher ħiereġ barra mill-karozza liebes l-iswed u maskra tal-Covid-19. Huwa deher jimsaħ idu wkoll f’xugaman blu.
L-Ispettur Camilleri spjega li kienu permezz ta’ dawn il-filmati tas-sigurtà li l-Pulizija bdiet tissusspetta fl-imputat Elliot Paul Busuttil.
Intqal ukoll kif kemm il-mobiles ta’ Farrugia u anke ta’ Elliot Paul Busuttil jikkonfermaw li kienu fl-istess post fil-lejla tat-28 ta’ Marzu.
Fil-fatt, id-data mill-mobiles turi li propju ġurnata qabel, jiġifieri fis-27 ta’ Marzu, Mario Farrugia minn Pembroke mar l-Imsida sabiex jiltaqa’ ma’ Busuttil. Dan seta’ wkoll jiġi kkonfermat mid-data tal-mobiles li urew kif ftit wara d-disgħa u nofs ta’ filgħodu huma kienu flimkien.
Il-Pulizija qalet ukoll li waqt l-arrest tiegħu Busuttil deher imbeżża u mal-ewwel talab sabiex jikkuntattja l-avukat tiegħu. Dan filwaqt li beda jistaqsi fuq l-evidenza li wasslet għall-arrest tiegħu.
Hawn intqal li l-Pulizija kellhom jużaw il-forza biex jidħlu fid-dar ta’ omm u missier Busuttil. Kien hawn li ġie spjegat kif waqt spezzjoni tad-dar fosthom fil-kamra tas-sodda ta’ Elliot Paul Busuttil, instabu traċċi ħfief ta’ demm. Traċċi li wara analiżi tagħhom u testijiet tad-DNA rriżulta li kienu ta’ Mario Farrugia.