Ajruplan tal-gwerra tat-tip Baltimore Bomber instab mgħerreq ftit ’il barra mill-gżira Griega ta’ Antikythera aktar minn tmin diċenji wara li twaqqa’ minn ajruplani għedewwa fit-Tieni Gwerra Dinjija.
Il-bomber bħala parti mir-Royal Australian Air Force, l-RAAF, li kien qiegħed fuq missjoni jieħu ritratti tal-kosta Griega, kellu erba’ persuni abbord meta ġie attakkat nhar it-3 ta’ Diċembru tal-1943.
Tliet suldati Leslie Row, Colin William Walker u John Gartside kienu tilfu ħajjithom fl-attakk.
William Alroy Hugh Horsley, il-pilota, kien l-uniku wieħed li salva, iżda kien inqabad min-Nażisti u baqa’ jinżamm priġunier sa tmiem il-gwerra. Fi kliemu huma kienu qed jirrtornaw lura mill-missjoni tagħhom meta żewġ Messerschmitts Bf109, attakkawhom.
L-ajruplan kien interċettat f’qiegħ il-baħar is-sena l-oħra minn grupp ta’ għaddasa tekniċi Griegi, iżda ġie kkonfermat riċentament mill-fergħa tal-istorja tal-Qawwa tal-Ajru Awstraljana, li dak kien l-ajruplan mitluf.