BirdLife Europe qed tkompli bil-pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea bil-għan li Malta titressaq quddiem il-qorti Ewropea għaliex infetaħ l-istaġun tal-kaċċa fir-Rebbigħa. Angelo Caserta, id-direttur Ewropew ta’ Birdlife kien ikkwotat jgħid mill-maltatoday li ank jekk Malta tapplika l-moratorium b’rabta mal-kaċċa tal-gammiema, xorta waħda għandu jkun hemm investigazzjoni kontra pajjiżna.
“Il-moratorium ikun sinjal ta’ rieda tajba, imma frankament ma naħsibx li dak se jkollu impatt fuq id-deċiżjoni li trid tieħu l-Kummissjoni Ewropea,” qal Caserta li kellu kliem ta’ tifħir għall-Kummissarju Ewropew Karmenu Vella.
Qal li d-deċiżjonijiet tal-Kummissarju sal-lum urew rispett lejn il-liġi. Fl-istess waqt żied: “Fl-aħħar mill-aħħar hija deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tieħux lil Malta l-Qorti Ewropea u jekk ma jsirx dan irridu niddiskutu x’passi għandna nieħdu,” qal Caserta.
Intant, il-kaċċa fuq il-gammiema kienet it-tema ewlenija tal-programm NEWS.MT li xxandar ilbieraħ u jidher hawn taħt.