Mexxejja minn pajjiżi diversi tal-Unjoni Ewropea qegħdin iżidu l-pressjoni fuq Joseph Muscat biex jikkunsidra bis-serjetà li jaċċetta li jinħatar President tal-Kunsill Ewropew jekk kemm –il darba ma jkunx hemm qbil li l-President attwali, Donald Tusk, ikun ikkonfermat.
Qed tirrapporta dan il-gazzetta Illum li qalet li Joseph Muscat wieġeb billi qal le għaliex baqalu xogħol x’jagħmel bħala Prim Ministru f’Malta hekk kif jinsab f’nofs proġett politiku li qed iwettaq b’suċċess.
Din l-aħbar kienet żvelata l-ewwel darba f’midja Brussell li tiffoka fuq temi Ewropej u eventwalment semmewha xi ġurnali Maltin. Iżda jirriżulta li kien fl-aħħar jiem, anke wara d-diskors tiegħu fil-Parlament Ewropew, li iktar mexxejja Ewropej qalu lil Muscat li jinsab fl-aħjar pożizzjoni li jgħaqqad madwaru lis-27 mexxejj l-ieħor tal-Unjoni Ewropea f’mument fejn l-istess unjoni għandha bżonn tkun front wieħed b’saħħtu quddiem l-isfidi internazzjonali.
Huwa ċar li Donald Tusk jixtieq jibqa’ fil-kariga iżda qed isib l-oġġezzjoni tal-Polonja, il-pajjiż minn fejn ġej hu. Dan għax inbidel il-gvern minn meta kien propost għall-kariga sentejn u nofs ilu.
Tusk jintemmlu l-mandat f’Marzu li ġej u sa dakinhar se jkun kbir il-lobbying anke għax is-soċjalisti jridu mexxej minn naħa tagħhom fid-dawl li l-istituzzjonijiet l-oħra għandhom mexxejj mill-Partit Popolari Ewropew.
Kollox jindika li b’Joseph Muscat kienu jkunu jistgħu jaslu biex jilħqu l-għan tagħhom. Iżda l-Prim Ministru Malti reġa’ kien ċar fl-aħħar jiem li f’dan il-mument il-pjan politiku tiegħu jinsab Malta, il-pajjiż li għandu l-Presidenza Maltija u li s-suċċess tagħha kompla jkabbar l-istatura tal-Prim Ministru Malti fuq livell Ewropew.