Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba bagħat ittra lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u lill-kollegi tagħha fejn talabhom biex jagħtu importanza lill-opinjoni li esprima l-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea, Giovanni Pitruzzella, favur il-pożizzjoni ta’ Malta kontra r-regolamenti dwar vetturi tal-merkanzija fl-Unjoni Ewropea.
L-Avukat Pitruzzella appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tilqa’ t-talba ta’ pajjiżna u tneħħi l-obbligu li vetturi simili jirritornaw fil-pajjiż fejn huma rreġistrati kull tmin ġimgħat bi spejjeż u żvantaġġi kbar għal Malta.
Agius Saliba talab lill-President tal-Kummissjoni biex tinvestiga l-effetti tal-Pakkett ta’ Mobilità, li se jħalli impatt negattiv fuq l-ambjent u l-konsumaturi Maltin.
Hu nsista li l-Kummissjoni għandha tqis il-ħtieġa ta’ reġjuni remoti, fosthom gżejjer li huma stati membri fit-tfassil tal-liġijiet u l-proċessi amministrattivi.