Francesco Grasso, Taljan mfittex mill-awtoritajiet f’pajjiżu, u li kien qed jiskonta pienta ta’ ħabs, issa qed jitlob biex jiskonta s-sentenza fil-Ħabs ta’ Kordin.
Dan wara li l-pulizija fl-Italja ħarġu ħames mandati għall-arrest tiegħu, li bħalissa qed jgħix f’Malta. Grasso kien weħel tlett sentenzi fuq serq. Waħda minnhom kienet sentenza ta’ sitt xhur ħabs u €2000 multa, oħra ta’ sitt xhur ħabs u €300 multa, u erba xhur ħabs u €200 multa. Huwa kien mixli ukoll li laqa’ oġġetti misruqa, fejn weħel sitt xhur ħabs u €2000 multa.
L-Avukat tad-difiża Yanika Bugeja qalet fil-Qorti li Grasso ried li jiskonta l-piena f’pajjiżna, minħabba l-kundizzjonijiet miżeri tal-ħabsijiet fl-Italja, fejn il-priġunieri ma jkollhomx ħafna ħin għal rikreazzjoni. Dan mingħajr ma kkontestat il-fatt li l-akkużi li nstab ħati għalihom Grasso setgħu wasslu għal estradizzjoni.
Il-Maġistrat Aaron Bugeja saħaq li ma setax jiddetermina jekk l-akkużat kienx infatti qed jiskonta l-piena f’Malta ukoll, u ddifferixxa s-sentenza dwar jekk Francesco Grasso għandux jiġi estrait lura lejn l-Italja.