Raġel ta’ 27 sena li huwa oriġinarjament mill-Albanija u għal din l-aħħar ġimgħa kien qed jgħix mingħajr indirizz fiss, wieġeb ħati li kkawża ħsara fuq karozza tal-pulizija li tammonta għal €369.
Ir-raġel wieġeb ħati minkejja l-parir li tagħtu l-avukat tal-għajnuna legal, Yanika Bugeja li saħqet fil-Qorti li r-raġel wieġeb ħati taħt pressjoni minħabba li m’għandux saqaf fuq rasu u bħalissa jinsab mingħajr impjieg.
Fil-Qorti ħareġ li r-raġel nhar l-Erbgħa 29 ta’ April, ir-raġel sab ġebla u waddabha fuq karozza tal-pulizija li kienet tinsab quddiem l-għassa tal-Mosta, niżel għarkupptejh u tella’ idu fuq rasu u stenna lill-pulizija tarrestah.
Il-Qorti ppresedutha mil-Maġistrat Natasha Galea Sciberras m’aċċettatx l-ammissjoni tiegħu għaliex ma kienitx konvinta li l-akkużat qiegħed jifhem il-konsegwenza ta’ din id-deċiżjoni.
Fl-awla r-raġel insista li jrid imur il-ħabs għal raġuni mhux magħrufa lill-Qorti u għaldaqstant appuntat psikjatra biex jeżamina lill-akkużat.
Id-difiża ma talbitx għall-ħelsien peress li r-raġel m’għandux post fiss.