Qed isiru xogħlijiet ta’ restawr fil-Mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, fejn se jitwaqqaf ukoll ċentru ta’ esibizzjoni ġdid iddedikat lil Caravaggio. Dan se jwassal biex id-diversi kollezzjonijiet li jinstabu fil-Konkatidral jitwerew aħjar u jlaħħaq aħjar mad-domanda ta’ viżitaturi. Il-proġett se jiswa €6.2 miljun, u huwa parzjalment finanzjat minn fondi Ewropej.
Hawnhekk se jiġu installati lift u apparat effiċjenti fl-enerġija. Dan iċ-ċentru ġdid huwa mistenni li jżid ukoll l-għarfien tal-pubbliku dwar l-artist rinomat permezz ta’ dokudrama li se jintwera fiċ-ċentru.
Il-Ministru José Herrera sostna li l-wing li se tkun iddedikata lil Caravaggio se tkun parti integrali mill-proġett ta’ tkabbir tal-Mużew tal-Konkatidral.
Huwa stqarr: “Naturalment, parti sostanzjali mill-flus għal dan il-wing ġew minn fondi Ewropej u se jkunu parti integrali mill-proġett ta’ tkabbir li qed nagħmlu fil-Mużew tal-Katidral.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li dan se jtejjeb ukoll l-esperjenza tat-turist.
Huwa qal, “Se nkomplu nsaħħu l-esperjenza li persuna li tista’ tara l-wirt storiku b’mod aktar sabiħ u b’esperjenza aktar internattiva. Dan hu proġett interessanti li se jattira t-turisti u jsaħħaħ il-wirt li għandna f’pajjiżna.”