Ix-xogħol fuq il-proġett tal-akkomodazzjoni soċjali fil-Qrendi miexi ġmielu, hekk kif kull ma jmur, qed ikompli jersaq lejn tmiemu.
Fil-fatt, ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett jinsabu fi stadju avvanzat, biex fix-xhur li ġejjin jilqa’ fih sitta u għoxrin familja, u jikkonsisti wkoll f’għoxrin garaxx.
Waqt żjara fuq il-lant tax-xogħol, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes spjega li dan il-proġett qiegħed isir b’investiment totali ta’ €3.5 miljun.
Hawn intqal li dan il-proġett jagħmel parti mill-ikbar investiment ta’ akkomodazzjoni soċjali li qatt ra pajjiżna u li għaddej bħalissa madwar Malta u Għawdex.
“Xogħol avvanzat li qed isir fi blokka oħra ta’ madwar 26 appartament u anke 20 garaxx, biex inkomplu nsaħħu l-istock, nkomplu nibnu aktar appartamenti bħala parti mill-proġett massiv ta’ akkomodazzjoni soċjali li qed isir madwar pajjiżna kollhu. B’hekk inkomplu nilħqu l-miri tagħna biex aktar familji jingħataw d-dinjità u kwalita ta’ ħajja aħjar. ”
Il-Ministru spjega li l-politika tal-ġustizzja soċjali li adotta dan il-gvern fis-settur tal-akkomodazzjoni, issarrfet biex fl-aħħar 10 snin, il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali kompliet tonqos, hekk kif minn madwar 3,300 applikant, niżlet għal madwar 1,500 applikant.
Temm itenni l-impenn tal-Gvern, li huwa kommess li jkompli joffri t-tama u l-istabbiltà fis-settur tal-akkomodazzjoni.