Ix-xogħol preparatorju biex jitħaddem l-electronic monitoring jinsab f’fażi avvanzata, bis-sistema ċentrali ġiet installata filwaqt li beda l-ittestjar.
B’din hija bidla oħra fil-pjan tal-Gvern biex ikompli jimmodernizza lil pajjiżna, impenn elettorali ieħor li qiegħed jitwettaq. Is-sistema tal-electronic monitoring se tkun bidla importanti fl-oqsma tal-ġustizzja u s-servizzi korrettivi f’Malta.
Riforma li se tbiddel l-affarijiet minn kif nafuhom sal-lum, b’għodda ġdida li għandha għanijiet ċari ħafna, li tagħti s-serħan il-moħħ lill-komunità u lill-vittmi filwaqt li tiffaċilita l-integrazzjoni lura fis-soċjetà ta’ persuni li jkunu wettqu xi reat.
Il-liġi dwar l-electronic monitoring ġiet ippreżentata fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri li fi żjara li għamel seta’ jsegwi l-proċess ta’ ittestjar.
“Dan huwa investiment li qed tagħmel l-aġenzija LESA, fejn is-sistema qegħda fil-fażi tal-ittestjar tagħha, fejn imbagħad fi ftit żmien ieħor, pajjiżna ħa jkun jista’ jdaħħal b’mod uffiċjali din is-sistema li jkollok, mhux biss sistema li taħdem, però wkoll b’liġi li qegħda quddiem il-Parlament, la darba tiġi ffinalizzata, tkun tista’ dik is-sistema taħdem fi ħdan dik il-liġi.”
Il-Ministru Byron Camilleri