F’impjant tar-riċiklaġġ f’Ħal Luqa, id-Dwana qerdet aktar minn ħdax –il miljun sigarett tal-kuntrabandu.
Dan b’ordni segwita minn sentenza tal-Qorti Ċivili, li għandhom jinqerdu 1,050 kaxxa b’10,000 sigarett f’kull waħda, li kienu ddaħħlu pajjiżna fil-Port Ħieles permezz ta’ kontejner fit-tmienja u għoxrin t’April li għadda.
Biex f’nofs il-ġimgħa, id-Dwana kissret u neħħiet mill-kanal tal-kummerċ dawn is-sigaretti.
Lil’hinn minn dan il-każ, id-Dwana ħadet ukoll l-opportunità biex ġabret u qerdet mas-666,000 sigarett ieħor, li fl-aħħar sentejn ġew ikkonfiskati domestikament minn uffiċjali tad-Dwana – minn ħwienet, minn fuq persuni jew minn fergħat tal-Posta fost l-oħrajn.
Primarjament xogħol id-Dwana jdur mal-kontroll skont il-liġi tal-kummerċ kollu li jkun impurtat u esportat minn u lejn pajjiżna.
F’dawn iż-żewġ każijiet, il-liġi nkisret, u l-Uffiċjal tad-Dwana George Agius fakkar f’uħud mill-konsegwenzi li wieħed jista’ jaffaċċja jekk jinqabad b’sigarett tal-kuntrabandu.
Il-minimu tal-piena meta tinqabad b’sigarett tal-kuntrabandu hija ta’ €250 u l-massimu jista’ jwassal ukoll għall-konfiska tal-vettura, proprjetà u affarijiet oħra li jkunu ntużaw biex jaħbu s-sigaretti tal-kuntrabandu.
Dan minbarra l-konsegwenzi koroh fuq is-saħħa tal-bniedem.