Inċident li seħħ fl-ewwel dawra tal-British Supersport f’Oulton Park Cheshire l-Ingilterra, ħalla żewġ sewwieqa tal-muturi mejta hekk kif ħdax-il mutur baqgħu deħlin fuq xulxin wara ħabta huma u jduru l-ewwel kurva.
Owen Jenner, ta’ 21 sena ingħata l-kura fuq il-post u kien meħud fiċ-ċentru mediku taċ-ċirkwit iżda miet ftit wara kawża tal-ġrieħi gravi li sofra f’rasu. Shane Richardson, ta’ 29 sena, kellu diversi grieħi f’sidru u wara li kien trattat fuq il-post miet waqt li kien qed jiġi trasferit għal-isptar ta’ Royal Stoke University.
Jenner kien is-superstock champion fl-2020 u l-2023 u l-GP2 champion is-sena l-oħra meta kien spiċċa l-ewwel fi tmintax mill-20 tiġrija. Richardson, li huwa minn New Zealand, kien missier ta’ żewġ ulied u jaħdem bħala test rider għal Triumph.
Ittieħed ukoll l-isptar Tom Tunstall ta’ 47 sena li sofra minn ġrieħi sinifikanti f’daharu u fl-istonku. Ħames sewwieqa oħra kienu mogħtija l-ewwel għajnuna fiċ-ċentru mediku tat-trakka iżda ma kellhomx għalfejn imorru l-isptar.
L-organizzaturi, il-Motorsport Vision Racing, qalu li minħabba l-gravità tal-inċident, il-kumplament tal-kampjonat Bennetts British Superbike kien ikkanċellat.
F’dan il-kampjonat jinstaqu muturi b’magna 600cc u t-tellieqa ta’ Oulton Park kienet l-ewwel waħda tal-kampjonat li jsir f’ċirkwiti differenti fir-Renju Unit.
Il-pulizija ta’ Cheshire għaddejin bl-investigazzjonijiet dwar x’wassal għal dan l-inċident.