Il-kampanja ‘Naħseb Fik’ immexxija mill-Ministeru għal Għawdex kienet suċċess għax inġabru r-rigali kollha mitluba. Iktar minn 400 persuna anzjana u vulnerabbli gawdew mir-raba’ edizzjoni tal-inizjattiva ‘Naħseb Fik’.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana laqgħet b’ferħ din l-aħbar u qalet li l-ġenerożità li mogħni biha l-poplu Malti u Għawdxi ma tarax limitu. Caruana nnutat ir-rispons qawwi li ntwera fi żmien qasir, proprjament fi 3 ġimgħat, minn mindu ġiet varata din l-inizjattiva. Qalet li permezz ta’ kampanja bħal din u oħrajn simili li jiġu organizzati, tista’ tintwera solidarjetà aktar diretta bejn il-ġenerazzjonijiet fil-familja u fil-komunità.
Il-Ministru Justyne Caruana raddet ħajr lil dawk kollha li kienu pronti u wieġbu għax-xewqat murija minn iktar minn 400 persuna anzjani u vulnerabbli, billi offrew ir-rigali li ġew indikati. Hi ddeskriviet dan is-suċċess bħala turija ta’ solidarjetà fost nies, li għalkemm ma jafux lil xulxin, xorta jħossu r-rabta tal-għożża umana f’dawn il-jiem tal-festi.