Il-grupp terroristiku Al Shabaab qatel l-impenditur Malti Paul Anthony Formosa. Minn informazzjoni li kiseb one.com.mt jidher li l-missier ta’ 52 sena minn Wied il-Għajn għamel ukoll ftit anqas minn 10 snin jaħdem fil-Freeport ta’ Malta. Wara l-2011 huwa mar jaħdem f’port ieħor ta’ Latakija fis-Sirja. Wara huwa ġie ngaġġat minn P&O Ports, sussidjarja tal-kumpanija ġganteska tat-terminals, DP World u ġie stazzjonat fil-port ta’ fejn eventwalment inqatel fis-Somalja.
Yusuf Mohamed, gvernatur tar-reġjun ta’ Bari f’Puntland is-Somalja qal li Formosa nqatel minn 2 persuni kienu libsin ta’ sajjieda waqt li kien sejjer fil-port ta’ Bosaso. Dawn il-persuni li huma terroristi tal-grupp militanti Iżlamiku Al Shabaab sparaw fuq Formosa u laqtuh b’numru ta’ tiri mmirati għar-rasu. Il-ġisem tiegħu deher jitgħabba f’ambulanza u ttieħed fi sptar lokali iżda l-ġrieħi li ġarrab kienu fatali. Ir-rapporti fil-midja Somali qalu wkoll li f’dan l-attakk ikkordinat ġew feruti wkoll numru ta’ persuni li kienu qed joffru servizzi ta’ sigurtà lill-Malti.
B’reazzjoni għall-dan l-omiċidju, l-grupp terroristiku Al Shabaab ħadu r-responsabbiltà ta’ dan l-attakk hekk kif skonthom Formosa kien fis-Somalja b’mod illegali. Abdiasis Abu Musab, kelliem għal dan l-istess grupp qal ukoll li fiż-żmien li għadda kienu wasslu xi theddid lill-istess ħaddiem Malti. Wieħed mil-aggressuri inqatel fuq il-post mil-uffiċċjali tas-sigurtà ta’ Formosa filwaqt li l-qattiel l-ieħor għadu ħaj u qed jiġi miżmum mill-Forzi Somali.
Formosa kien il-maniġer tas-sit ta’ P&O Ports fir-reġjun ta’ Puntland fis-Somalja. Rapporti fil-midja Somala qed jgħidu li DP World kisbet it-terminal b’kuntratt ta’ 30 sena għat-tmexxija u żvilupp tal-port li jinsab f’post strateġiku fil-qalba tal-Golf ta’ Aden. Din il-konċessjoni ma kienet niżlet xejn tajjeb mar-residenti tal-lokal. Filfatt waqt protesti li kienu saru kontra dan il-kuntratt kien wassal għall-mewt ta’ persuna oħra.
Ftit tal-ħin wara l-assassinju ta’ Formosa, l-istess Al Shabaab ħadu r-responsabbiltà ta’ attakk suwiċida fi stabbiliment kbir ġewwa il-belt ta’ Mogadishu. Dan l-attakk qatel għaxar persuni filwaqt li ħalla għexieren midruba.
Intant, bl-aħbar tal-mewt tal-Malti diversi ħbieb u kollegi ta’ Formosa kitbu messaġġi ta’ kuraġġ lill-qraba tal-vittma.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.