Carmel Spiteri ngħata sentenza ta’ disa xhur ħabs b’rabta ma’ każ ta’ traffikar ta’ droga. Każ li ilu għaddej 22 sena.
Fl-1997, il-pulizija għamlet rejd fid-dar ta’ Spiteri f’Ta’ Giorni fuq suspett li kienet il-bażi t’ attivita ta’ traffikar ta’ droga.
Waqt l-osservazzjoni li saret, il-Pulizija waqfet koppja fi Triq Reġjonali wara li telqu mid-dar u nstabu li kienu fil-pussess ta’ żewġ pakketti bi trab abjad, suspettati kokaina.
Meta l-Pulizija fittxet fid-dar, sabet sitt elef ewro fi flus kontanti, erba mija u tmenin ewro f’ċekkijiet, flus barranin u salib tad-deheb.
Fil-parapett instabu wkoll ħamsin gramma kokaina moħbija f’bott qalb l-arbuxelli. Spiteri pprotesta l-innoċenza u ċaħad li kellu x’jaqsam mad-droga misjuba.
Il-Maġistrat Ian Farrugia nnota li l-każ kien assenjat lill-Qorti fl-2013 u parti mill-kawża tad-dewmien kien nar li ħakem awla tal-Qorti fl-2004, fejn ħafna fajls inqerdu. Ir-rekords tal-każ kellhom jerġaw jiġu rikostruwiti.
Qal ukoll li l-evidenza ppruvat l-akkużi ta’ traffikar, pussess aggravat u li kien riċediv.
Il-Maġistrat Farrugia, filwaqt li ddeplora d-dewmien, aċċenna li t-traffikar tad-droga kien reat serju.
L-akkużat kien immultat ukoll elf u ħames mitt ewro.