Peter Agius deher li nqaras u nqaras sew meta l-ewwel il-gazzetta Maltatoday żvelat kif wara li b’ħafna pompa nħatar chief spokesperson tal-Partit Nazzjonalista, dabbar rasu lejn Brussell.
Li Peter Agius kien inħatar chief spokesperson tal-partit ta’ Bernard Grech, kienet imbuttata ħafna bħala waħda strateġika u l-midja kienet irrappurtat bi prominenza li Agius ingħata kariga importanti fil-Partit Nazzjonalista.
Peter Agius stess kien kiteb li Bernard Grech sejjaħlu u qallu iva iżda issa li mar lura Brussell jaħdem fil-librerija tal-Parlament Ewropew, Peter Agius tagħtu ġewwa wisq, li kollox ħariġlu fil-beraħ.
Hemm min hu mgħarraf sew u sostna li l-iżviluppi t’Agius huma wkoll riżultat ta’ kunflitti li setgħu nqalgħu, b’Agius jidher li talab li kollox isir bil-kwiet għax hu jrid jikkontesta għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew u ma xtaqx juri wisq li nqalgħu l-intoppi.
Tant idejjaq li ONE News kixef iżjed fuq x’ġara, li waqt li jinsab fi Brussell, Peter Agius ħareġ mill-Parlament Ewropew jattakka lil ONE News u saħaq li hu voluntier fil-Partit Nazzjonalista.
Huwa tenna, “Ħeq ifhem, Edward Montebello, jiena fil-Partit Nazzjonalista voluntier.”
Biex juri li nqaras waħda tajba u li l-istejjer dwaru dejquh, saħaq li se jinżel minn Brussell u jagħmel konferenza tal-aħbarijiet tal-Partit Nazzjonalista.
Imkejjen fid-Dar Ċentrali qalulna li kien hemm żmien fejn Peter Agius kien ikun kuljum l-istamperija iżda telefonata li għamel ONE News turi li ilu ma jidher b’nemes.
Receptionist Dar Ċentrali: “Good afternoon Dar Ċentrali.”
Ġurnalist: “Hello għal Peter Agius pls.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Peter Agius mhux qiegħed hawn bħalissa.”
Ġurnalist: “Qaluli biex inċempel hemmhekk jiena, minħabba missieri.”
Receptionist Dar Ċentrali: “Peter mhux qiegħed hawn imma.”
Ġurnalist: “Meta jkun hemm?”
Receptionist Dar Ċentrali: “Ili ma narah bil-Malti, jista’ jkun qiegħed Brussell.”
“Lanqas sena ma wassal u Alla jbierek telaq meta ma baqax iktar minn erba’ xhur għal kampanja elettorali. Ma kienx jaf qabel kemm kellu leave?!” spjegaw is-sorsi tagħna, li tkellmu fuq l-iskużi li ġab Agius mal-Maltatoday, li spiċċalu l-leave.
Il-Maltatoday qajmet punti oħra fl-artiklu tagħha meta qalet li l-irwol ta’ Agius seta’ kien qed joħloq kunflitt ma’ diversi deputati li kien qed jidher hu minn flokhom, xi ħaġa li wkoll kienet qed tissemma ħafna.
Li hu żgur hu li wara li ġie b’tant ewforija, telaq bla kliem u bla sliem u ngħaqad ma’ oħrajn, li fl-iktar mument tal-prova, naqsu u mhux żiedu l-impenn għal Bernard Grech.
Fosthom nies bħal Alessandro Farrugia, li wara kkampanjaw biex Grech isir Kap, telqu mill-impjieg strateġiku tagħhom fid-Dar Ċentrali.