Trakk inqaleb fil-Ġnejna għal ġo wied b’persuna maqbuda fih. Dan ġara għall-ħabta tad-9.00am.
Jidher li s-sewwieq Albaniż ta’ 24 sena residenti Ħaż-Żabbar kien nieżel in-niżla u tilef il-kontrol tat-trakk bil-konsegwenza li ħareġ minn fuq ‘crash barrier’ u t-trakk tat-tip Hino Ranger li kien qed iġorr il-ħamrija spiċċa tar għal madwar 10 metri sakemm inqasam f’biċċtejn.
Mal-impatt il kaxxa ta’ wara tqaċċtet minn trakk u taret lura ftit metri wara l-kumplament tat-tifrik. Il-kabina ġarrbet ħsarat kbar u xhieda fuq il-post qalulna li bid-daqqa x-xufier spiċċa fil-għalqa.
Ix-xufier inagħta l-ewwel għajnuna minn residenti li joqogħdu fil-viċinanzi sakemm eventwalment waslu ħaddiema tas-salvataġġ tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku minn Mater Dei mmexxi mit-tabib tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri. F’operazzjoni li ħadet madwar tliet kwarti x-xufier ġie stabilizzat fl-għalqa sakemm eventwalment ittella’ fl-ambulanza li kienet qed tistennih fit-triq. Ftit tal-ħin wara l-wasla tiegħu fl-isptar Mater Dei il-ġuvni ġie ċċertifikat li jinsab fil-periklu tal-mewt.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.