Żagħżugħ ta’ tmienja u għoxrin sena min-Nepal tilef ħajtu wara li kien involut f’inċident li fih kien involut trakk mgħobbi bil-ħadid fi Triq Aldo Moro, fil-Marsa.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax u nofs tal-Erbgħa filgħodu meta trakk, li kien qed jinstaq minn raġel ta’ sitta u ħamsin sena minn Bormla, u li kien għaddej fid-direzzjoni lejn il-Belt, tilef il-kontroll, bil-konsegwenza li laqat is-central strip u nqaleb.
Kawża ta’ dan, il-kaxxa tat-trakk bit-tagħbija b’kollox, inqalbet fuq in-naħa l-oħra tal-karreġġata, fejn f’dak il-mument kienu għaddejjin mutur u żewġ karozzi oħra
Fi stqarrija l-pulizija spjegat li t-tagħbija tat-trakk waqgħet fuq is-sewwieq tal-mutur, li kien fi triqtu biex iqassam l-ikel, filwaqt li t-trakk innifsu baqa’ jitkaxkar u waqa’ fuq żewġ karozzi, waħda misjuqa minn raġel ta’ disgħa u tletin sena mill-Moldova u oħra misjuqa minn raġel ta’ tnejn u ħamsin sena mis-Swieqi.
Fuq il-post, fi ftit ħin issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu.
Ambulanza ħadet lix-xufier tal-mutur l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa imma sfortunatament il-ħaddiem ġie ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Fuq il-midja soċjali ċċirkolaw filmati ta’ raġel mixħut mal-art, b’nies imdawwrin miegħu b’xokk fuqhom.
Intant il-persuni l-oħra involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.
Għal xi ħin it-triq ingħalqet għat-traffiku u nħolqot konġestjoni ta’ traffiku, b’appelli biex is-sewwieqa jużaw rotot alternattivi.
Waranofsinhar srret ħidma sabiex jitneħħa t-trakk li nqaleb fil-Marsa.
Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima qed tmexxi inkjesta fuq dan il-każ.
Ara: