Inċident fi Triq l-Imdina f’Ħaż-Żebbuġ wassal biex trakk inqaleb fuq ġenb, ftit qabel is-siegħa ta’ wara nofsinhar.
Is-sewwieq, raġel ta’ 46 sena, ma ġarrab ebda ġrieħi, tant li rrifjuta l-għajnuna medika. Huwa kien qed isuq it-trakk meta baqa’ dieħel f’ħajt, u wara nqaleb fuq ġenb.
Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettqu ħidma biex naddfu ħġieġ u emmissjonijiet mit-trakk li kien hemm fit-triq.