17-il persuna nqabdu jiffalsifikaw applikazzjonijiet u ċertifikati tat-tabib tabiex ikunu jistgħu jikkwalifikaw għall-benefiċċju ta’ persuni b’diżabilità.
Dan ħareġ wara lidawn il-persuni tressqu quddiem il-Qorti, bi wħud minnhom ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom filwaqt li oħrajn mistennija jingħataw sentenza fiż-żmien li ġej.
Fl-2022, l-assistenza għall-persuni b’diżabilità severa kienet tammonta għal kważi €110 fil-ġimgħa u titħallas kull 4 ġimgħat bil-quddiem.
Dwar dan il-każ, ONE News għamel kuntatt mas-Sur George Cremona li huwa d-Direttur għad-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
Huwa spjegalna dan il-każ u kif grazzi għal sistema preventiva kontra dan it-tip ta’ abbuż, irnexxielhom jiġu identifikati applikazzjonijiet foloz.
“Dawn ic-checks and balances ġabu ’l quddiem li kien hemm ċertifikati attached mal-applikazzjonijiet li kien hemm similarities fihom. Dan meta ngħidu ċertu firem, ċertu diction, ċertu literature fuq iċ-ċertifikat mediku għall-applikazzjoni per se u allura minn naħa tas-sezzjonijiet li jaqgħu taħt id-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza, ġibdu l-attenzjoni tal-management.”
Cremona spjega kif minn hemmhekk skattat investigazzjoni konġunta anke mal-Korp tal-Pulizija.
“Min hemmhekk skattat investigazzjoni konġunta u dik l-investigazzjoni konġunta wasslet għal riżultat li dak li qed nisimgħu llum jiġifieri dawk il-benefiċċji ma kienx ħaqqhom dawk il-klijenti li applikaw, barra minn hekk minħabba li dawn l-applikazzjonijiet inqabdu eżattament mal-fażi tal-applikazzjoni, id-Dipartiment ma kienx laħaq ħareġ l-ammont ta’ benefiċċji fil-biċċa maġġoranza tagħhom.”
Intant, is-Sur Cremona spjega wkoll kif fl-istanzi fejn laħqu inħarġu l-flus, il-klijenti wara li anke ammettew għall-akkużi fil-konfront tagħhom fil-Qorti, raddew il-flus lura lid-Dipartiment.
Ma’ One News Cremona rrimarka wkoll l-importanza ta’ dawn is-sistemi preventivi li jaħdmu b’effettività u li jibqgħu jaġġornati maż-żminijiet u t-teknoloġija, hekk kif jassiguraw li l-flus tal-Gvern jintefqu bl-aħjar mod u f’każijiet li jimmeritaw.
“Il-benefiċċju kien għal diżabilità, li huwa benefiċċju li ġie riformat fl-aħħar snin ukoll u jiġifieri jinqasam f’erba’ assistenzi u allura importanti li għandhom jieħduh dawk il-persuni li verament ħaqqhom u minħabba f’hekk tajjeb li jkun hemm dawk iċ-check and balances ħalli l-benefiċċji jmorru għand min verament ikun ħaqqu.”