Skont rapport fis-sit timesofmalta, koppja kienet arrestata wara li nqabdu jħażżu isimhom fuq il-ġebel tat-tempju tal-Ġgantija, liema tempju jmur lura 5,500 sena.
Iż-żewġ suspettati huma Malti minn San Ġwann li għandu madwar tletin sena, u barranija li tgħix ix-Xagħra. Dawn nqabdu minn ħaddiem tas-sigurtà, u mistennija jitressqu l-Qorti fiż-żmien li ġej. Heritage Malta qalet li t-tħażżiż fil-ġebel, li juwa eqdem minn dak tal-piramidi ta’ Giza u ta’ Stonehenge, huwa pjuttost fond.
Forsi l-aktar li spikkat pero kienet ir-reazzjoni tal-koppja. Skont kif qalu sorsi mat-Times, ma setgħux jifhmu għaliex kien qed isir dak l-għaġeb kollu, u r-raġel staqsa lill-ħaddiem tas-sigurtà għaliex kien qed jaraha daqshekk bi kbira li kiteb ismu u messaġġi ta’ mħabba fil-ġebel. Kompla jgħid li ma kienx jaf li ma jistax jagħmel hekk.
Ir-raġel u l-mara irrifjutaw li jipprovdu dettalji dwarhom lill-ħaddiema u kellha tissejjaħ il-Pulizija. Il-Maġistrat Joanne Vella Cuschieri kienet infurmata u ordnat lill-Pulizija twettaq investigazzjoni sħiħa.