Fl-ajruport inqabdu ftit iktar minn sittax-il elf ewro fi flus mhux iddikjarati.
Fi stqarrija, id-Dwana stqarret kif passiġġier mil-Liberja fi triqtu lejn il-Ghana ġie magħżul mit-taqsima ta’ kontra l-ħasil tal-flus għal spezzjoni, liema spezzjoni wasslet għas-sejba ta’ sittax-il elf u ħamsa u ħamsin ewro.
Meta mistoqsi kemm kellu flus fuqu, il-passiġġier qal li għandu bejn wieħed u ieħor għaxart elef ewro, liema tweġiba kienet waħda suspettuża. Għalhekk, meta ġie mistoqsi biex jippreżenta l-flus, huwa ppreżenta għaxart elef sebgħa mija u ħamsa u ħamsin ewro.
Wara tfittxija fil-bagalji tiegħu, instabu mal-ħamest elef u tliet mitt ewro oħra u għalhekk, huwa ngħata ċitazzjoni.
Din kienet l-għoxrin sejba ta’ flus mhux iddikjarati mit-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus, jiġifieri sa issa, din it-taqsima qabdet mal-mitejn u disgħin elf ewro mhux iddikjarati.