Żewġ Sudaniżi, Adam Mohammed ta’ 18-il sena u Eaiis Bosh Nalimaboba ta’ 23 sena tressqu l-Qorti akkużati li kellhom fil-pussess tagħhom dokument li mhux tagħhom u li pruvaw jagħmlu użu minnu.
Tal-ewwel weħel sitt xhur ħabs filwaqt li l-ieħor ġie kkundannat sena ħabs sospiża għal sentejn wara li ntqal li kkopera mal-pulizija u għen fl-investigazzjoni.
Fil-Qorti ntqal li ż-żewġ żgħażagħ inqabdu hekk kif kienu se jitilqu b’titjira tar-Ryanair lejn Napli.
Huma stqarrew li kienu xtraw id-dokumenti minn Malta stess.
Mill-informazzjoni mogħtija minn Nalimaboba, il-pulizija stabilixxew indirizz ta’ fejn joqgħod dak li biegħ id-dokument.
F’każ separat Mohammed Muzammil ta’ 35 sena mill-Ghana nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li prova juża dokumenti Portugiżi foloz jew mimsusa sabiex iħalli pajjiżna. Huwa ġie akkużat ukoll li huwa riċediv.
Id-difiża stqarret li l-Qorti għandha tqis il-fatt li r-raġel ilu f’pajjiżna mill-2006 u għandu wkoll wild f’pajjiżna filwaqt li hu għadu joqgħod mal-omm.
Id-difiża qalet li l-akkużat qal li mar l-Italja biex jipprova jirregola l-pożizzjoni tiegħu f’pajjiżna.
Madankollu l-prosekuzzjoni sostniet li l-akkużat kien qal lill-pulizija li huwa ried jitla’ l-Italja biex jixtri l-ħwejjeġ.
L-akkużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.