Id-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali, id-DIER, żied l-inforzar fejn jidħlu aġenziji tax-xogħol, li jġibu ħaddiema barranin.
Fil-fatt jirriżulta li 30 kumpanija kienu qed joperaw mingħajr ma kienu konformi mal-liġi, bi 80% minnhom diġà ġew konformi mal-liġi fiż-żmien stipulat wara ngħataw twissija biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom.
Fl-istess ħin se jkunu qed jittieħdu passi legali kontra dawk il-kumpaniji li m’għamlux dan u baqgħu ma ġewx konformi mal-liġi.
Dan tħabbar waqt laqgħa ta’ taħriġ u informazzjoni, li preżenti għaliha kien hemm is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul.
Hawn, id-Direttur Ġenerali tad-DIER, Diane Vella Muscat, tat ħarsa wkoll lejn il-ħidma mwettqa sal-lum u spjegat li, din is-sena, tressqu 55 każ quddiem il-Qorti. Minbarra hekk, tenniet li, fl-ewwel sitt xhur, id-Dipartiment ġabar mal-miljun u sebgħa u tletin elf ewro mingħand min iħaddem, f’pagi, overtime u bonuses statutorji li kienu dovuti lill-ħaddiema biex effettivament marru għand min kien jistħoqqlu.
Il-laqgħa, li ġabet flimkien l-imsieħba soċjali kollha, inklużi l-unjins u min iħaddem, uffiċjali tad-DIER u numru ta’ aġenziji tax-xogħol, iddiskutiet ukoll it-triq ’il quddiem biex mhux biss jissaħħaħ is-suq tax-xogħol f’pajjiżna, iżda jiżviluppa bl-aktar mod sostenibbli.
L-imsieħba soċjali u l-operaturi rrikonoxxew il-ħidma tad-DIER u kif, bis-saħħa tar-regolamenti li ddaħħlu fl-aħħar xhu, issa jeżisti ‘level playing field’ bejn l-operaturi, inkluż bl-inforzar meħtieġ li qed isir.
Is-Segretarju Parlamentari Ellul innota b’sodisfazzjon li kemm l-imsieħba soċjali kif ukoll dawk li jaħdmu fis-settur huma sodisfatti bir-regolamenti li bdew jiġu inforzati minn Ġunju li għadda u bis-saħħa tagħhom qed jaħdmu f’qafas regolatorju serju.
“Tkellimna dwar impjiegi ta’ kwalità li jġibu valur miżjud, imma wieħed irid iżomm f’moħħu li dawn l-impjiegi magħhom għandhom iġorru kundizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema tagħna, Għawdxin u Maltin, kif ukoll pagi aħjar biex, fl-aħħar mill-aħħar, f’dan il-pajjiż ikollna soċjetà aktar ġusta, noffru wkoll kwalità ta’ ħajja aħjar billi nilħqu bilanċ bejn id-dinja tax-xogħol u l-ħajja privata.”