Ħalliel li jispeċjalizza f’serq mill-karozzi deher quddiem il-Qorti akkużat li daħal f’numru ta’ karozzi biex jisraq, ftit taż-żmien wara li skonta sentenza ta’ tmien xhur ħabs fuq reati simili.
Kaled Mukthar Ben Gamhur, li għandu disgħa u tletin sena u huwa mil-Libja, tressaq il-Qorti taħt arrest quddiem il-Maġistrat Antonio Vella t-Tnejn wara nofsinhar.
Huwa kien akkużat li seraq nuċċali minn karozza pparkjata fil-Belt Valletta t-Tnejn filgħodu stess, u li pprova jidħol f’karozza oħra. Huwa kkawża ħsara liż-żewġ karozzi.
L-Ispettur Priscilla Caruana Lee spjegat kif il-pulizija rċeviet rapport li raġel kien qed jipprova jidħol ġo żewġ karozzi fi Triq Girolamo Cassar. Meta l-pulizija waslu fuq il-post, ir-raġel instab li kellu fuqu nuċċali tad-ditta, li nsteraq minn waħda mill-karozzi.