Raġel instab ħati li daħal jisraq minn ħanut tas-Sushi f’San Ġiljan u li kien qed iġorr armi mingħajr liċenzja. Joseph Anthony Cini ta’ 49 sena inqabad fuq filmat minn kameras tas-sigurtà li fid-9 t’April 2012, flimkien ma’ persuna oħra, sgassa l-bieb tal-bejt tal-ħanut u daħal jisraq safe li fih huwa kkalkulat li kien hemm ‘il fuq minn €10,000.
Dan filwaqt li l-armi nstabu fil-pussess ta’ Cini meta saret tfittxija fir-residenza tiegħu. Alfred Mazzitelli, ħaddiem fil-ħanut kien akkużat b’kompliċità fis-serqa u minkejja li kien ilu jaf lil Cini, kien ċaħad li jaf lill-ħallelin meta rahom fuq il-filmat.
Il-Qorti qalet li l-akkużi kontra Cini kienu ġew ippruvati, filwaqt li dawk fil-konfront ta’ Mazzittelli, le. Għaldaqstant, Mazzitelli inħeles mill-akkużi miġjuba kontrieh filwaqt li Cini kien ikkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Huwa tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ superviżjoni għal sentejn, u kellu l-armi konfiskati.