Raġel ta’ wieħed u ħamsin sena bil-vizzju tad-droga baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat li seraq numru ta’ roti mill-inħawi tal-Gżira u l-Imsida.
David Yates mill-Gżira ġie akkużat ukoll li kiser il-kundizzjonijiet ta’ sentenza oħra.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif il-Pulizija kienet ilha diversi xhur tinvestiga dan is-serq sakemm rat waħda mir-roti fuq it-taqsima tal-bejgħ fuq Facebook u identifikat lill-akkużat.
Fl-awla, l-akkużat qal li kien ma jiflaħx u anki l-avukat tad-Difiża, Daniel Attard irrimarka li r-raġel għandu dipendenza fuq id-droga.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba tal-ħelsien mill-arrest għaliex qalet li kemm il-darba kien hemm nies li nqabdu jieħdu d-droga fid-dar tal-imputat.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih u baqa’ jinżamm arrestat.