Ali Mohammed Lahderi, ta’ 26 sena li joqgħod San Ġiljan, inżamm arrestat wara li nqabbad fil-pussess ta’ 43 gramma kannabis li ma kinitx għal użu esklussiv tiegħu.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Matthew Spagnol qalet kif għal ħabta tan-12:30 tal-Ħamis filgħodu pulizija li kienu fuq ir-ronda f’San Ġwann innotaw karozza suspettuża. Fil-karozza sabu lil imputat li diġà kellu kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja imposti fuqu dwar każ separat. Meta fittxewlu sabulu 43 gramma kannabis, miżien żgħir u boroż żgħar li ssoltu jintużaw sabiex id-droga titlesta għat-traffikar.
Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih filwaqt li l-avukat difensur talab għall-ħelsien mill-arrest. Filwaqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, id-difiża spjegat li l-akkużat għandu indirizz fis f’pajjiżna, għandu familjari hawn filwaqt li dejjem żamm mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest diġà imposti fuqu f’Mejju tal-2017.
Il-Qorti wara li rat l-akkużi ddeċidiet li tiċħad it-talba u ma tatux il-ħelsien mill-arrest.