Hohob Stefanus ta’ 30 sena mill-Eritrea nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat b’pussess ta’ droga kannabis u kokaina b’manjiera indikattiva li ma kinitx għall-użu personali tiegħu.
L-akkużat ma wieġeb għall-ebda domanda li l-Qorti għamlet fil-kontront tiegħu.
Il-prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Brian Xuereb oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba nuqqas ta’ rabtiet li l-akkużat għandu ma’ Malta.
Waqt is-seduta l-avukat tal-għajnuna ppruvat titkellem u tgħin lill-imputat però hu ma ried jitkellem ma’ ħadd saħansitra beda jgħid lit-traddutur biex jitlaq minn ħdejh.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Elaine Mercieca żammet lill-imputat arrestat minħabba li l-atteġjament tiegħu fl-awla juri kemm m’għandux l-affidabbilità biex jimxi ma’ xi kundizzjonijiet li jingħatawlu.