Il-Maltatoday innutat il-wegħdiet mingħajr costings tal-Kap tal-Oppożizzjoni li semma fid-diskors tiegħu tat-Tnejn filgħaxija, meta ġie biex iwieġeb għall-Budget li ressaq il-Gvern.
James Debono, kittieb li janalizza u li ma jiddejjaq xejn jgħidha kif iħossha fuq iż-żewġ partiti politiċi ewlenin, kiteb li fid-diskors tiegħu, Bernard Grech ma jsemmix kif se jnaqqas id-dejn iżda jsemmi biss wegħdiet mingħajr ma jaf kemm jiswew.
Dan ifisser li jolqot ħażin il-kaxxa ta’ Malta u l-wegħdiet ta’ Grech huma biss sostnuti fuq kliem vag.
Debono nnota wkoll kif Bernard Grech isemmi d-deċiżjoni tal-FATF iżda imbagħad skontu din mhux se tolqot lilu jekk ikun fil-Gvern għax bil-bakketta maġika se jdawwar l-affarijiet.
Fil-ħarġa ta’ nofs il-ġimgħa tal-Maltatoday ingħad ukoll li Grech qed iwiegħed l-ilma jiżfen għaliex l-uniku tama li għandu hi li jnaqqas id-distakk.
Debono kkummenta wkoll fuq dak li jrid il-Kap Nazzjonalista, li t-taxxa ta’ 25% fuq dħul tolqot ukoll dawk li jaqilgħu sa €80,000.
Hawnhekk James Debono jikteb li din tolqot lil min jaqla’ l-iktar filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni qed jinsa nies vulnerabbli fis-soċjetà.
Fil-gazzetta hemm ukoll osservazzjoni dwar kif Bernard Grech qed jgħid li se jagħmel ħafna affarijiet imma imbagħad jgħid li qegħdin fl-agħar riċessjoni ekonomika f’erbgħin sena.
Hawnhekk fil-Maltatoday jingħad li n-nies għarfu l-għajnuna kbira li ta l-Gvern waqt pandemija u kif l-istess Gvern amministra l-ekonomija fi kriżi globali.
Fuq kollox jissemma li filwaqt li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed titkellem fuq dejn li għamel il-Gvern waqt pandemija biex isostni miżuri t’għajnuna, dak l-istess dejn, il-Partit Nazzjonalista għamlu meta kien fil-Gvern bejn l-2005 u l-2010 biex sempliċiment isostni proġetti li qal li se jagħmel u mhux biex jindirizza xi kriżi globali massiċa bħal ma hi l-pandemija.