L-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem, l-MEA u l-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji laqgħu b’mod pożittiv il-miżuri mħabbra mill-Gvern l-Erbgħa sabiex jgħinu iżjed in-negozji waqt pandemija, partikolarment biex tkompli tingħata mbuttatura fil-likwidità tan-negozji.
Fost il-miżuri hemm l-estensjoni tad-diferiment tat-taxxi għan-negozji u l-kumpaniji sal-aħħar tas-sena u estenda l-moratorji taħt il-Covid Guarantee Scheme sal-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena.
Id-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia qal kif dawn il-miżuri mill-Gvern huma għaqlin waqt żmien ta’ sfida għas-sidien tan-negozji li qed jirċievu wkoll l-għajnuna fil-ħlas tal-pagi m’għand il-Gvern.
Qal kif, “Naħseb li huwa pass għaqli mill-Ministru illi qed iħabbar miżuri fejn l-iskemi li kien hemm, bħal Covid-19 Guarantee Scheme, l-impatt tagħhom jew il-benefiċċji tagħhom se jiġu estiżi għal sena u nofs flok dak li kien maħsub fil-bidu, għal 12-il xahar.”
Il-President tal-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Paul Abela saħaq kif il-likwidità hija fattur importanti sabiex in-negozji żgħar u medji jibqgħu għaddejjin anke waqt żminijiet ta’ sfida.
Spjega, “Naħseb dawn l-iniżjattivi, l-estensjoni tal-moratorju tal-banek, l-estensjoni tal-ħlas tat-taxxa, iva dawn ovvjament finalment iridu jitħallsu, imma naħseb jiena fil-mument tal-lum huwa importanti li l-likwidità tal-intrapriżi żgħar u medji jkunu hemm u wieħed mill-inċentivi li hemm ukoll hija l-wage supplement, li se tkun sal-aħħar tas-sena, allura qed naraw aktar fit-tul.”