Bosta msieħba soċjali u assoċjazzjonijiet laqgħu t-tneħħija ta’ Malta minn fuq il-‘lista l-griża’ tat-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja, l-FATF.
L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Bankiera fi stqarrija qalet kif f’dan il-mument wieħed irid jirrikonoxxi l-ħidma sfieqa li saret mill-awtoritajiet u s-servizzi finanzjarji sabiex wara sena, Malta setgħet tkun f’din il-pożizzjoni.
Fil-fatt, anke kif semma l-Prim Ministru Robert Abela f’konferenza tal-aħbarijiet mumenti wara li l-FATF ħabbret id-deċżijoni tagħha, l-Assoċjazzjoni nnutat kif f’dawn l-aħħar sentejn saru riformi storiċi u kruċjali fil-qasam tal-governanza u l-ħidma tal-istituzzjonijiet.
L-Istitut Malti għall-Accountants ukoll kellu kummenti pożittivi, li appella lill-partijiet kollha involuti fil-qasam finanzjarju sabiex dejjem ikunu viġilanti u jkomplu jtejbu fuq il-kwalità għolja li ntlaħqet s’issa.
Hawnhekk rrimarka kif huwa d-dmir ta’ kulħadd li nwasslu lil Malta fil-post li jixirqilha – li tkun ġurisdizzjoni finanzjarja internazzjonali ta’ reputazzjoni għolja, tattira investiment ta’ kwalità u kulħadd jikkontribwixxi għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u ħolqien ta’ mpjiegi.
Min-naħa l-oħra, il-Kamra tal-Kummerċ qalet kif is-settur finanzjarju jrid iħares ’il quddiem sabiex dejjem jibqa’ jkun hemm tiġdid tal-qasam.