Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis innota l-istorja ppubblikata fuq is-sit Lovinmalta dwar btala li kellu hu u l-familja tiegħu u l-familja ta’ Dr Joseph Muscat fi Franza.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li l-istorja tal-Lovinmalta hija waħda qarrieqa u intiża sabiex tkisser il-karattru politiku tiegħu wara li f’ħidmietu għamel dak kollu possibli biex tirrenja s-saltna ta’ dritt u l-governanza t-tajba f’pajjiżna.
Saħaq li l-istorja hija żbaljata fl-iktar dettalji bażiċi.
Spjega li ma kien hemm l-ebda safra fi Franza fl-2017 iżda huwa siefer bil-familji fi Franza fl-2014.
Dr Zammit Lewis tella’ ritratti bid-dati bħala prova li fl-2017 huwa kien Sqallija u mhux fl-imsemmija btala fi Franza.
Qal li għal darb’oħra jidher biċ-ċar li hemm element ta’ qerq f’dak li ġie rrappurtat.
Bi kliem ċar kiteb li ma talabx għall-ebda favuri u għall- akkomodazzjoni b’xejn u l-familji użaw titjiriet kummerċjali.
Intant fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, l-eks Prim Ministru Dr Joseph Muscat ukoll qal li l-Lovinmalta ħarġet b’titlu u storja qarrieqa.
Innota li persuna magħrufa sew bdiet iddur xi midja tfesfes, forsi biex tneħħi l-attenzjoni minn fuqha.
Irrimarka li filwaqt li hu kien għal btala, kien imsejjaħ għal Summit Ewropew, li kien jaf bih wara li saru l-arranġamenti għal btala.
Qal li l-ajruplan privat li ntuża għas-Summit kien l-istess wieħed li użaw Prim Ministri ta’ qablu sa minn żmien Eddie Fenech Adami u li kien isir l-istess irrispettivament minn fejn telaq biex imur għas-Summit Ewropew.
Dr Muscat innota wkoll dettalji dwar chats li hu ċaħad bil-fatti.