Id-29 ta’ Ġunju tal-1970. Fi New York, l-Istati Uniti tal-Amerka, seħħet l-ewwel Pride March fid-dinja.
Eluf ta’ Amerikani, dak iż-żmien injorati mill-Gvern, mill-politiċi u anke l-midja, ħarġu fit-toroq ta’ Manhattan biex ifakkru kif sena qabel, il-pulizija tal-New York irrejdjaw il-bar Stonewall u arrestaw bosta persuni omosesswali fuq l-ebda bażi u ġustifikazzjoni.
Sentejn wara, jiġifieri l-1972, il-Pride March beda jsir ukoll fir-Renju Unit u fil-Kanada. Minn dakinhar ’l hawn pajjiżi oħrajn minn kull kontinent segwew fl-istess passi u organizzaw dik meqjusa bħala l-ġlieda għad-drittijiet indaqs.
L-2004. F’Malta, dak iż-żmien bi ftit liġijiet li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-persuni mill-komunità LGBTIQ+, l-MGRM kienet bdiet torganizza l-ewwel Pride March fil-Belt Valletta.
Minn dakinhar, il-Pride March baqgħet issir ta’ kull sena, b’eluf ta’ persuni mill-komunità LGBTIQ+ u anke mhumiex, bdew jitolbu lill-Gvern ta’ dak iż-żmien biex jagħtihom aktar drittijiet, inkluż li jibda jirrikonoxxihom daqs kull ċittadin ieħor.
Mill-2013, meta l-Partit Laburista ħa t-tmun tal-pajjiż f’idejh, bdew ir-riformi kbar fil-qasam tal-ugwaljanza u l-persuni LGBTIQ+ li wasslu biex jingħatalhom dak li qabel kien biss ħolma.
Fost l-oħrajn, iddaħħal id-dritt tal-Unjoni Ċivili, iż-żwieġ indaqs u d-dritt li jiġu kkunsidrati wkoll għal adozzjonijiet, bħal kull persuna oħra.
Għaldaqstant, biex anke jiġu ċċelebrati l-kisbiet kollha ta’ Malta fil-qasam tal-ugwaljanza u drittijiet ċivili u dak li baqa’ jinkiseb, ix-xahar id-dieħel pajjiżna se jospita l-Europride wara li rebaħ dan id-dritt minn kompetizzjonijiet oħrajn internazzjonali.
Minbarra li waħda mill-attivitajiet ewlenin se jkun il-Pride March, din l-okkażjoni se tkun imżewqa b’għadd ta’ attivitajiet mifruxin fuq numru ta’ ġranet.
Tkellemna ma’ Clayton Mercieca wieħed mill-attivisti favur id-drittijiet għall-persuni LGBTIQ+ li rrakkonta kif hu kien attenda għall-ewwel Pride March li qatt sar f’pajjiżna. Iddikjara li dak iż-żmien kien għadu skomdu jgħid li hu persuna gay, iżda dakhinar kien ħassu differenti.
Qal, “L-ewwel Pride March li saret mill-MGRM fl-2004 jien kont għadni mhux out, jiġifieri jien attendejt fil-periferija kemm jista’ jkun ’il bogħod. Però ħassejt din is-sejħa li nkun hemm biex nara b’għajnejja x’inhi, għax kien ovvjament l-ewwel darba l-pride u kont ġejt ma ħabibti, għax kont qed nibża’ mmur waħdi u niftakar għedt lili nnifsi “ejja m’iniex waħdi”, allavolja kien hemm 50 persuna dak iż-żmien, dak il-feeling li hawn xi ħadd bħali.”
Mercieca, li llum hu miżżewweġ u għandu tifel, qalilna l-importanza tal-Pride March.
Stqarr, “Opportunità li tfakkar kemm hi importanti d-diversità, li għad hemm xi jsir u li avolja Malta mxiet ħafna ’l quddiem fejn jidħlu liġijiet u drittijiet, xorta naraw persuni li għadhom mhux aċċettati mill-familji tagħhom, li għadna naraw kummenti ta’ mibegħda lejn il-komunità LGBTIQ+. Għal min jiġi l-Pride u għal min jara b’għajnejh hi opportunità unika ta’ kif wieħed jista’ jħossu safe u jesprimi ruħu b’mod liberu.”
Illum il-ġurnata jiġi ċċelebrat f’għexieren ta’ pajjiżi, b’uħud igawdu minn drittijiet indaqs u oħrajn għadhom jiġġieldu biex jiksbu dawn id-drittijiet.
Uħud mill-aħħar pajjiżi li ta’ kull sena bdew jiċċelebraw il-Pride March, hemm il-Perù, Ċipru u l-Indoneżja.
Il-Europride se tkun festa ta’ diversità f’pajjiżna u fost l-avvenimenti ewlenin se jkun hemm il-Pride March fis-16 ta’ Settembu u wara l-kunċert b’xejn fuq il-Fosos tal-Floriana mill-kantanta rinomata madwar id-dinja Christina Aguilera.