Fil-Bulgarija, l-ewro-parlamentari Nazzjonalista Roberta Metsola ġiet nominata għal Mrs. Mafia.
Ritratti tagħha u tal-Kap tal-Partit Popolari Ewropew Manfred Weber dehru fi protesti li ilhom issa iżjed minn tliet xhur għaddejin fil-Bulgarija kontra l-Prim Ministru tal-pajjiż Boyko Borisov.
Borisov qed jiġi akkużat b’korruzzjoni u saħansitra fi Spanja huwa investigat fuq allegazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Ċittadini Bulgari jinsabu rrabjati għal mod kif Roberta Metsola ressqet emendi, deskritti bħala skandalużi, f’riżoluzzjoni li għandha x’taqsam mal-Bulgarija u li fiha allegat li l-protesti fil-Bulgarija kienu mbuttati u ffinanzjati minn strutturi tal-mafja.
Kien għalhekk li attivista Bulgara, Dr. Radosveta Vassileva kitbet fuq twitter li Metsola ma talbitx apoloġija għall-emendi skandalużi dwar riżoluzzjoni fuq is-saltna tad-dritt fil-Bulgrija.
Hija wriet ritratt tagħha u ta’ Weber, li ħa miegħu bħala assistent lil Simon Busuttil, b’kuruni fuq rashom u kitbet li kemm Metsola u Weber jinsabu nominati għat-titlu ta’ Mrs. Mafia u Mr. Mafia rispettivament.
Filwaqt li ġie rappurtat li d-dimostranti fosthom familji bit-tfal u anzjani qed jieħdu sehem fi protesti paċifiċi kontra l-Gvern korrott tal-Bulgarija, Metsola akkużat lil dawn l-istess dimostanti li huma ffinanzjati mill-mafja.
Dawn l-istess dimostranti kienu anki msawwta, umiljati u anki arrestati mill-pulizija.
Ma’ Metsola ngħaqad ukoll David Casa, li fil-Parlament Ewropew ukoll vvota kontra riżoluzzjoni li ttappan ir-reputazzjoni tal-partit tal-Prim Ministru Bulgaru li jinsab imsieħeb fl-istess familja li huwa msieħeb fiha l-Partit Nazzjonalista, dik tal-Partit Popolari Ewropew.
Intant il-Partit Nazzjonalista baqa’ jiddefendi lil Metsola li titkellem ħafna fuq is-saltna tad-dritt ta’ pajjiżna iżda vvutat kontra riżoluzzjoni dwar is-saltna tad-dritt fil-Bulgarija, li l-Gvern ta’ dan l-aħħar pajjiż qed ikun deskritt bħala wieħed mifni bil-korruzzjoni.
Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista kien kritika din ir-riżoluzzjoni favur il-poplu Bulgaru u qal li din inkitbet f’temp ta’ ftit sigħat u b’diversi żbalji.
Saħansitra l-Kap Bernard Grech kien sejjaħ ir-riżoluzzjoni tas-saltna tad-dritt fil-Bulgarija bħala waħda superfiċjali.