Bulgaru ta’ 28 sena residenti Birkirkara intbagħat 3 snin ħabs u mmultat €232.94 wara li fil-qorti nstab ħati b’reati ta’ serq f’diversi okkażjonijiet differenti. Marin Stoyanov Minev li jaħdem bħala xufier b’idu fil-but tul is-smiegħ tal-kawża bla tlaqlieq ammetta l-akkużi kollha miġjuba kontrih fosthom li kkommetta reat ta’ serq bi vjolenza u attentat ta’ serq fi tlett okkażjonijiet separati, li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar u regolari, li żamm persuni kontra l-volonta tagħhom kif ukoll li kien riċediv.
L-aktar każ riċenti jmur lura għall-Ħadd li għadda meta l-imputat flimkien ma’ persuna oħra prova jisraq minn xi ħwienet madankollu minħabba xi ċirkostanzi, dan ir-reat ma rnexxiex. Minev huwa akkużat ukoll b’serq bi vjolenza mill-ħanut Heaven’s Gate fi Triq Birkirkara. Il-każ seħħ fl-1 ta’ Ottubru li għadda meta seraq mill-ħanut liema valur ma qabiżx l-2329.37 kif ukoll li kkawża xi ħsarat fuq l-istess propjeta. F’dan il-każ, il-Bulgaru żamm xi persuni kontra l-volonta tagħha kif ukoll kien fil-pussess ta’ arma tan-nar.
Minnbarra din is-serqa, Minev kien seraq minn stabiliment ieħor fi Triq in-Naxxar f’San Ġwann. Il-każ seħħ fl-20 ta’ Lulju 2015 għall-ħabta tal-22:40pm meta l-imputat irnexxielu jisraq aktar minn €2329.37 fi flus kontanti, li żamm persuni kontra l-volontà tagħhom u li kien fil-pussess ta’ arma tan-nar regolari.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Fabian Fleri u Lydon Zammit. Għall-Bulgaru dehru l-avukati Charlon Gouder u Shazoo Ghanavi.
Malli spiċċat il-kawża, l-imputat poġġa bilqiegħda ħdejn is-sieħba tiegħu u qabdu jinnamraw. Bil-Maġistrat Neville Camilleri minnufih interrompilhom il-mument passjonali li qabdithom fl-awla tal-qorti u talabhom sabiex joħorġu jitbewsu u jinnamraw barra.