Ftit jiem qabel għeluq ix-xahrejn mill-mewt traġika ta’ Pelin Kaya, inkixfet plakka ta’tifkira fil-post fil-Gżira fejn tilfet ħajjitha wara li ttajret minn Jeremie Camilleri.
Preżenti għal viġili li ġiet organizzata mis Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manchè, għal din l-okkażjoni kien hemm, fost l-oħrajn, mart il-Prim Ministru, Lydia Abela, li ltaqgħet mal-qraba tal-vittma bħala espressjoni tas-solidarjetà tagħha.
Omm u oħt il-vittma, li kienu preżenti, kienu viżibbilment emozzjonati, tant li lill-omm kellhom iġibulha siġġu biex tpoġġi fuqu. Hija bdiet tgħannaq u tbus wieħed mid-diversi ritratti ta’ bintha li nġiebu fil-post. Oħt Pelin tenniet ix-xenqa tal-familja li ssir ġustizzja u mill-ġdid saħqet li ma jridux vendetta.
Pelin Kaya, Torka ta’ 30 sena, tilfet ħajjitha nhar it-18 ta’ Jannar ta’ din is-sena, proprju f’għeluq sninha, fi Triq Testaferrata l-Gżira.
Jeremie Camilleri, ta’ 33 sena, minn Ħal-Lija, qed jiġi mixli bil-qtil tagħha.
Bosta ħbieb u qraba ta’ Pelin, kif ukoll membri tal-Ambaxxata Torka f’pajjiżna, inġabru biex ifakkru l-memorja tagħha. Sar ukoll talb għal ruħ Kaya, immexxi mill-Imam tal-komunità Musulmana f’Malta u mill-Kappillan tal-Gżira.