L-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia reġa’ nqabad f’sitwazzjoni oħra imbarazzanti hekk kif inkixef mill-ġdid juża l-pożizzjoni Parlamentari tiegħu biex jaqdi l-klijenti aktar minn kollox, minflok il-funzjoni proprja bħala rappreżentant tal-poplu Malti u Għawdxi.
Din id-darba kien il-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, li, fuq il-midja soċjali, kixef kif, matul l-aħħar sena, Delia kien moħħu biss biex ibigħ lill-pajjiż l-Isptar fallut St Philip’s bil-miljuni dejn li għandu bħala xi soluzzjoni għas-sistema tas-saħħa.
Dan fl-istess ħin li hu r-rappreżentant legali f’din il-kwistjoni li ilha tkarkar is-snin.
Waqt li rreaġixxa għall-kritika ta’ Delia dwar il-Paola Hub, li għadu ma bediex jopera wara l-kwistjoni legali mal-kuntrattur li ma mexiex mal-obbligi kuntrattwali li kellu, il-Ministru Abela wieġbu li kien ċert li, xi ħin jew ieħor, kien se juri kif il-marid jiġi l-aħħar għalih.
“Qisek insejt li l-unika soluzzjoni tiegħek fit-12-il xahar li għaddew kienet waħda biss – li nitqannaw bl-Isptar St Philips u t-€12-il miljun dejn miegħu. Anke Lawrence Gonzi kien żamm bogħod sew minnu!” kiteb il-Ministru, waqt li kompla li l-kuntratt tal-Paola Hub twaqqaf biex it-€18-il miljun żejda li kien qed jitlob il-kuntrattur ma jingħatawx żgur, waqt li ġew garantiti €7 miljun f’multi u garanziji.
Din mhix l-ewwel darba li Adrian Delia nqabad juża l-privileġġ Parlamentari tiegħu biex jiffavorixxi l-klijenti tiegħu.
Ħamest ijiem biss ilu, ukoll inkixef mill-Ministru Miriam Dalli fi tweġiba għal mistoqsija Parlamentari tiegħu fejn staqsa fuq kumpanija privata li hu l-avukat tagħha. L-istess kumpanija qed toġġezzjona dwar kuntratt li ngħata mill-Enemalta.
Minbarra dan, ftit taż-żmien ilu wkoll attakka x-xiri tal-impjant tal-waste-to-energy mill-WasteServ għal sitt mitt miljun ewro, fl-istess waqt li kien ir-rappreżentant ta’ konsorzju li tefa’ offerta li tiswa mal-mitejn miljun iżjed.
Minbarra hekk hu kien anke l-avukat ta’ Skanska, li gawdiet minn waiver fuq il-konkos difettuż tal-Isptar Mater Dei fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista bil-konsegwenza li ffrankat milli tagħmel tajjeb għax-xogħol ħażin li wettqet.