Id-Deputat Nazzjonalista Adrian Delia b’mod sfaċċat qed juża l-pożizzjoni Parlamentari tiegħu b’konflitt ta’ interess qawwi personali.
L-aħħar darba li għamel dan kien din il-ġimgħa fil-Parlament meta staqsa fuq kumpanija privata li hu l-avukat tagħha u li qed toġġezzjona dwar kuntratt mill-Enemalta.
It-tweġiba tal-Ministru Miriam Dalli kienet f’waqtha u esponiet il-konflitt ta’ interess li għandu l-eks Kap Nazzjonalista.
Adrian Delia staqsa kemm inħattu kontejners fl-Enemalta ta’ tenders li nxtraw fost oħrajn matul is-sena li għaddiet.
It-tweġiba tal-Ministru Dalli kienet li hemm appell quddiem il-Bord għar-Reviżjoni ta’ Kuntratti Pubbliċi dwar tender għal xogħlijiet tal-istess natura bejn l-Enemalta u kumpanija privata, li l-istess Delia hu proprju r-rappreżentant legali tagħha.
“Kien ikun xieraq u etiku li jekk dan hu l-każ, Delia jiddikjara dan fid-domanda parlamentari li qed jagħmel”, irrimarkat il-Ministru Dalli li spjegat ukoll kif l-Enemalta ssegwi l-obbligi tal-pubblikazzjoni skont il-liġi u li l-appell inkwistjoni mistenni jibda jinstema’ x-xahar id-dieħel.
Saħqet li quddiem l-aġir ta’ Adrian Delia, wieħed għandu jkun kawt biex ma jippreġudikax dawn il-proċeduri.
Din mhux l-ewwel darba li Delia jilbes żewġt ikpiepel u juża l-pożizzjoni Parlamentari tiegħu b’konflitt ta’ interess f’diversi każi.
Fost l-oħrajn, attakka x-xiri tal-impjant tal-waste-to-energy mill-WasteServ għal sitt mitt miljun ewro, fl-istess waqt li kien ir-rappreżentant ta’ konsorzju li tefa’ offerta li tiswa lill-pajjiż mal-mitejn miljun iżjed.
Minbarra hekk hu kien anke l-avukat ta’ Skanska, li gawdiet minn waiver fuq il-konkos difettuż tal-Isptar Mater Dei u m’għamlitx tajjeb għax-xogħol ħażin li wettqet fl-istrutturi.
B’konsegwenza ta’ dan, il-pajjiż spiċċa jeħel aktar spejjeż biex saru xogħlijiet infrastrutturali sodi fl-isptar li wkoll kien dam iżżejjed biex jinbena fi żmien Gvern Nazzjonalista.