Għal darb’oħra, fact-checker tat-Times of Malta reġa’ ġab fix-xejn spin qarrieqi tal-Partit Nazzjonalista, din id-darba dwar ir-riżultati tal-eżamijiet tal-matrikola f’pajjiżna, wara li qal li l-Gvern Laburista ta l-ġenb lis-settur tal-edukazzjoni.
Fil-fatt dan il-fact-checker sab bil-fatti kif f’dawn l-aħħar snin qed jinkisbu marki ogħla u inqas marki baxxi mill-istudenti Maltin u Għawdxin fis-suġġetti prinċipali.
Intqal li, minkejja li l-ammont ta’ studenti li kisbu marka ‘U’ baqa’ stabbli, dawk li kisbu marka ta’ ‘6’ naqsu kważi b’nofs meta mqabbel mal-2004 u l-2005.
Dan hekk kif f’dawn is-snin, bejn wieħed u ieħor 12% tal-istudenti kienu kisbu dik il-marka, filwaqt li fl-aħħar sentejn naqsu bin-nofs u kienu biss mas-7% li kisbu tali riżultat.
It-Times żiedet tgħid li n-numru ta’ studenti li kisbu l-oħrajn marki, jiġifieri minn wieħed sa erbgħa, fl-erba’ suġġetti ewlenin qed jiżdied. Dan fl-istess ħin li l-marki baxxi qed ikomplu jonqsu kulma jmur.
Ġie indirizzat ukoll in-numru ta’ marki baxxi li nkisbu.
Intqal li, hekk kif Gvern Laburista għamel l-eżamijiet tal-Matrikola bla ħlas biex jinċentiva lill-istudenti, ferm iżjed studenti qed japplikaw għall-eżamijiet, anke minn dawk li ma kellhomx ħsieb li japplikaw.
L-eks Lettur fl-Università ta’ Malta, Dominic Cortis, innota kif dan hu possibbilment dak li qed jgħolli r-rata ta’ marki baxxi.
Cortis spjega kif l-istudenti mhumiex imorru agħar mill-istudenti li poġġew għal dawn l-eżamijiet għoxrin sena ilu.
Din is-sena poġġew aktar studenti għall-eżami tal-matematika, milli twieldu nies f’pajjiżna, 16-il sena ilu.
Cortis, anzi nnota, kif kollox jindika li mhux biss din l-istatistika ma tfissirx li l-istudenti qed jiksbu riżultati agħar fil-matematika, iżda hemm indikazzjoni li dawn qed imorru aħjar.
Intant, dan ikompli jxejjen l-ispin tal-Partit Nazzjonalista, immexxija mill-Kelliem għall-Edukazzjoni, Justin Schembri, li kien qal li s-settur ħa daqqa ta’ ħarta u li Gvern Laburista m’għamel xejn għall-edukazzjoni.
Dan b’kuntrast tal-fatti kif veru huma, hekk kif l-investiment li għamel Gvern Laburista fil-qasam tal-edukazzjoni, qed isarraf fi frott, u f’riżultati aħjar.
Is-settur tal-edukazzjoni f’pajjiżna jinsab għaddej minn diversi riformi bil-għan li l-istudenti Maltin u Għawdxin, irrelevanti l-livell tagħhom, ikomplu jirnexxu fl-istudji tagħhom.
Kelliem għall-Ministeru responsabbli mis-settur edukattiv, saħaq ma’ dan l-istazzjon li s-settur edukattiv diġà jinsab għaddej minn tiġdid u riforma sħiħa li fiċ-ċentru tagħhom hemm l-istudent u l-edukatur.