Meta fl-aħħar jiem qamet kwistjoni li kixfet beraħ kif Manwel Delia aċċetta pjaċiri mingħand negozjanti, li kienu rebħu kuntratt ta’ miljuni ta’ ewro li kien fdat f’idejh bħala ċ-Chief of Staff fil-Ministeru responsabbli, qamet rabja kbira fid-Dar Ċentrali stess kontra dawk kollha tal-establishment li, b’azzjoniethom u r-regħba li kienet taħkimhom, irnexxielhom iniżżlu lill-Partit Nazzjonalista għarkupptejh.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, hekk kif spjegat li dan il-każ qanqal mill-ġdid l-istejjer skandalużi dwar il-mod kif il-Partit fil-Gvern kien jopera sal-2013, permezz tal-iskema stil Mafjuż tal-JS List, fejn negozjanti li jirbħu kuntratti statali kienu jiġu obbligati joħorġu perċentwali minnhom bħala “rigal” lid-Dar Ċentrali.
Jirriżulta minn sorsi tal-KullĦadd li, fl-aħħar jiem, id-diskors fil-kurituri tal-kwartieri Nazzjonalista ffoka fuq kif qatt ma ttieħdu passi fuq l-illegalitajiet li kienu qed jitwettqu sal-elezzjoni t’għaxar snin ilu u dan, speċjalment, għax dawn “kienu jsiru b’mod fin” u “ftit biss kienu involuti”.
L-istess ma kinitx sorpriża kif ħadd minn dawk li kontinwament iħambqu dwar l-investigazzjonijiet fil-pajjiż, issa ma fetħux ħalqhom fuq il-każ ta’ Manwel Delia, anke jekk jixraq bil-wisq li jiġi investigat.
Ftit tal-ġranet ilu, battibekk bejn il-blogger Simon Mercieca u l-istess Delia, meqjus bħala l-pinna tal-establishment, kixef il-konflitt ta’ interess ċar li dan tal-aħħar kellu meta rċieva flejjes mingħand negozjanti involuti fil-konsorzju li introduċa l-karozzi tal-linja tal-Arriva f’pajjiżna. Dan b’referenza għall-familja ta’ Yorgen Fenech.
Mercieca kiteb artiklu fejn fih allega li l-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt irċieva l-flus u pjaċiri oħrajn mingħand il-familja Fenech, waqt li l-Gvern kien assenjalu r-responsabbiltà biex jindokra l-proġett tal-Arriva u fl-istess ħin kien qed jorganizza l-kampanja elettorali personali għall-Elezzjoni Ġenerali tal-2013.
Dak iż-żmien, Delia kien ikkontesta, bla suċċess, il-Ħames Distrett f’isem il-PN taħt Lawrence Gonzi. Fl-artiklu ta’ Mercieca ġie spjegat kif Delia dak iż-żmien iggwadanja minn flus mingħand ta’ Fenech billi organizza attività mingħajr ħlas fil-Lukanda Dolmen tal-Grupp Tumas, waqt li kuġin ta’ Yorgen Fenech kien saħansitra għaddielu mijiet ta’ ewro biex jiffinanzjalu l-kampanja elettorali.
B’reazzjoni għal dan, il-moħħ wara d-diżastru tal-Arriva f’Malta, waqt li kkonferma li rċieva l-pjaċiri personali, ħabbar li kien se jiftaħ libell lil Mercieca. Dan l-iżvilupp kompla jikxef il-konflitt ta’ interess lampanti li bih allegatament ħadem Delia bħala Chief of Staff ta’ Austin Gatt fi żmien li kien responsabbli mill-kuntratt tal-Arriva.
Mercieca kien diġà kiteb dwar dan ukoll lura fl-2021 fejn kien fakkar kif il-kuntratt tal-Arriva kien intrebaħ minn konsorzju li fih, kien hemm qraba ta’ Fenech mill-Grupp Tumas.
Fil-fatt, ġie spjegat ukoll li biex jieħu ħsieb dan il-konsorzju, il-Gvern Nazzjonalista dak iż-żmien kien appunta lil Manwel Delia, bħala l-persuna inkarigata mill-Arriva għan-naħa tal-Gvern. L-istess persuna li, sussegwentement, ħa pjaċiri u għotjiet mingħand negozjanti fl-istess konsorzju.