Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr Edward Zammit Lewis u ċ-chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Dr Stefan Zrinzo Azzopardi llum żaru x-xogħolijiet ta’ restawr li għaddejjin bħalissa fis-sotterran tal-Berġa t’Aragona.
Waqt li kienu għaddejjin xogħolijiet ta’ skavar, inkixef forn uniku ta’ żmien il-Kavallieri li kien ilu mirdum għal mijiet ta’ snin taħt wieħed mill-uffiċċini. Mir-riċerka tal-Korporazzjoni tar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u tas-Sovratendenza tal-Wirt Kulturali, irriżulta li dan il-forn kien uniku għal pajjiżna u fost l-uniċi fid-dinja li għadu prattikament intatt u preservat fl-istat oriġinali tiegħu.
Hu maħsub li ladarba jitlestew ix-xogħolijiet ta’ restawr dan il-wirt storiku jibqa’ mikxuf u aċċessibbli bħala attrazzjoni rikka oħra tal-Belt Kapitali.
Lil’hinn minn dan kollu, permezz tax-xogħolijiet li għaddejjin bħalissa qed jitneħħew strutturi relattivament moderni biex il-Berġa t’Aragona tingħata d-dehra oriġinali tagħha kif mibnija mill-Kavallieri. B’hekk il-Berġa t’Aragona se terġa’ tingħaqad ma’ House of Catalunya ma’ House of Catalunya permezz ta’ passaġġ li nkixef u nfetaħ mill-ġdid.
Dan kollu filwaqt li se tiżdied l-aċċessibbiltà permezz ta’ entratura fi Triq il-Punent, flimkien mal-faċilitajiet kollha meħtieġa biex il-Berġa t’Aragona tkun aċċessibbli għal kulħadd.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Dr Edward Zammit Lewis fisser kif il-Berġa t’Aragona, li kienet l-Uffiċċju tal-Prim Ministri George Borg Olivier u Dom Mintoff, tiġbor fiha wirt storiku u politiku uniku li għandu jiġi protett u minsuġ fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa żied li b’dawn ix-xogħolijiet, mhux biss qed nilħqu dan il-għan, iżda qed nassiguraw li l-Berġa t’Aragona, li llum tospita l-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, tkun verament sit li jista’ jitgawdu minn kulħadd u mingħajr ebda distinzjoni. Din ukoll hija kwistjoni t’ugwaljanza, temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.
Min-naħa tiegħu ċ-chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett, li qed isir b’investiment ta’ madwar miljun Ewro mill-fond tal-Ministeru, isegwi r-restawr tal-faċċati tal-Berġa t’Aragona, ta’ House of Catalunya u Tal-Pilar li kien parti mill-pjan tar-riġenerazzjoni taż-żona ta’ Marsamxett – proġett ko-finanzjat minn fondi Ewropej b’total ta’ madwar €24 miljun.